Fittex l-għajnuna
“Min jista’ jgħinni jekk daħku bija?”
Marija, li tgħix il-Portugall, wieġbet għal ittra li kienet tirreklama kosmetiċi naturali bbażati fuq pjanti. L-ittra kienet tgħid li meta tapplika d-Dead Sea Salt Rub għal ġimagħtejn biss hi tista’ telimina kompletament it-tikmix minn wiċċha. Il-kumpanija Franċiża stqarret li l-formula sigrieta tagħhom kienet ġiet ittestjata u approvata minn laboratorju Franċiż li kellu isem li kien jinstema’ uffiċjali. Marija ordnat il-prodott iżda wara li użatu għal erba’ ġimgħat, baqgħalha l-istess ammont ta’ tikmix li kellha qabel. Meta rrealizzat li kienu qarrqu biha, Marija ċċekkjat fuq l-Internet u skopriet li l-laboratorju Franċiż ma kienx jeżisti. Ippruvat iċċempel lill-kumpanija biex tistaqsihom għal flusha lura iżda ħadd ma wieġeb it-telefon u lanqas l-email tagħha.
Fl-aħħar, iffrustrata, Marija daret għall-għajnuna għand iċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur (ECC) fil-Portugall. L-ECC Portugiż ingħaqad ma’ l-uffiċċju Franċiż ta’ l-ECC Net, li seta’ jmur direttament għand il-kummerċjant u rrapporta l-prattika lill-awtorità Franċiża inkarigata mill-ħarsien tal-konsumatur. Il-kummerċjant ġie mmultat u obbligat li jwaqqaf ir-reklamar qarrieqi tiegħu.
Riżoluzzjoni ta’ tilwim
Jekk tħoss li kont vittma ta’ prattika kummerċjali żleali, taqtax qalbek! Għandek għadd ta’ għażliet fejn tista’ tieħu parir jew tmur għall-għajnuna.
L-1 pass
Ħu parir
L-ewwel pass huwa li tikkonferma li l-ilment tiegħek huwa validu skond il-liġi u li inti kont vittma ta’ prattika kummerċjali żleali. L-aħjar huwa li tikkuntattja l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumatur ta’ pajjiżek jew wieħed miċ-ċentri ta’ konsulenza ta’ l-ECC-Net biex tieħu parir mingħandhom.
1. L-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur f’pajjiżek ta’ spiss ikunu konxji tal-kummerċjanti diżonesti fiż-żona/pajjiż tiegħek. Jistgħu jagħtuk parir dwar problemi domestiċi.
Tista’ ssib organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur hawn
2. In-Netwerk Ewropew ta’ Ċentri tal-Konsumatur (ECC-Net)
Dan in-netwerk ta' konsulenza għall-konsumatur jgħin lill-konsumaturi speċifikament f'tilwim transkonfinali. Dan twaqqaf f'Jannar ta' l-2005 mill-Kummissjoni Ewropea b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali. Iċ-ċentri jipprovdu tagħrif u jagħtu pariri u għajnuna lill-konsumaturi bl-ilmenti tagħhom u r-riżoluzzjoni tat-tilwim.
Informazzjoni ulterjuri: Netwerk Ewropew ta’ Ċentri tal-Konsumatur (ECC-Net)
It-2 pass
Ressaq ilment
3. Jekk l-assoċjazzjoni tal-konsumatur tiegħek jew iċ-ċentru tal-konsulenza ta' l-ECC-Net jikkonfermaw li huwa xieraq li tressaq ilment, hawn taħt issib il-link għal-lista ta' l-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet nazzjonali għall-ħarsien tal-konsumatur huma intitolati li jiddeċiedu dwar ilmenti jew li jibdew il-proċeduri legali meħtieġa. Fuq bażi tal-liġijiet nazzjonali tiegħek, dawn l-awtoritajiet jew il-qrati jistgħu jordnaw it-twaqqif tal-prattiċi kummerċjali żleali.
Informazzjoni ulterjuri: Assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur
(ikklikkja fuq il-bandiera ta’ pajjiżek)
Xi links utli:
- Paġna tad-dħul tan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur (ECC-Net):
http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/index_mt.htm - Netwerk taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur (ECC-Net). Uża l-mappa interattiva biex issib l-eqreb ċentru għall-konsulenza:
http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/webcenters_mt.htm - Netwerk taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur (ECC-Net). Niżżel lista taċ-ċentri għall-konsulenza kollha fl-Ewropa:
http://ec.europa.eu/consumers/redress_cons/docs/ecc_network_centers.pdf - Tagħrif u lista ta’ l-organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej għall-konsumatur:
http://ec.europa.eu/consumers/empowerment/cons_networks_mt.htm - Problemi oћra marbuta mar-reklamar jew komunikazzjoni kummerċjali?
http://www.easa-alliance.org/about_easa/en/easa_members.html