Il-Lista Sewda: Prattiċi kummerċjali pprojbiti
Xi prattiċi kummerċjali ma’ l-Ewropa kollha huma DEJJEM ipprojbiti taħt id-Direttiva. Fi kliem ieħor, dawn il-prattiċi kummerċjali huma kkunsidrati żleali f’kull ċirkustanza. Mhix rikjesta valutazzjoni każ b’każ mad-dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva.
Saret Lista Sewda ta’ 31 prattika żleali biex tassigura li l-kummerċjanti, il-professjonisti tal-promozzjonijiet u l-klijenti jkollhom idea ċara dwar dak li hu projbit.
Pressjoni emottiva
Fejn il-kummerċjant jgħarraf espliċitament lill-konsumatur li jekk ma jixtrix il-prodott jew servizz, ix-xogħol jew l-għajxien tal-kummerċjant ikunu fil-periklu.
Reklamar ta’ prodotti li ma jistgħux jinbiegħu legalment
Fejn il-kummerċjant jistqarr jew b’mod ieħor joħloq l-impressjoni li xi prodott jista jinbiegħ legalment meta ma jistax.
Dikjarazzzjoni falza ta’ pussess ta’ marki u kodiċi ta’ fiduċja
- Kummerċjant isostni li huwa firmatarju ta' kodiċi ta' kondotta meta ma jkunx.
- Kummerċjant juri marka ta’ fiduċja, marka ta’ kwalità jew ekwivalenti mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni għal dawk il-marki ta’ fiduċja.
Fejn il-kummerċjant iħajjar lill-konsumatur bi prodott u wara jibdel il-promozzjoni tiegħu għal prodott ieħor
Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifikat u mbagħad:
a) jirrifjuta li juri l-oġġett reklamat lill-konsumaturi;
b) jirrifjuta li jieħu ordnijiet għall-prodott jew li jfornih fi żmien raġonevoli; jew
ċ) juri kampjun difettuż tal-prodott,
bl-intenzjoni li jippromwovi prodott differenti.
Tħeġġiġ dirett lit-tfal: "Mur ixtri l-ktieb!"
"Fejn il-kummerċjant jinkludi f’reklam it-tħeġġiġ dirett lit-tfal sabiex jixtru jew sabiex jipperswadu l-ġenituri tagħhom jew adulti oħrajn sabiex jixtrulhom il-prodotti reklamati.
Servizzi ta’ wara l-bejgħ: "Garanziji fl-Ewropa kollha"
Fejn il-kummerċjant bil-qerq jagħti l-impressjoni li jeżisti servizz ta’ wara l-bejgħ fir-rigward ta’ prodott fi Stat Membru ieħor barra minn dak li fih il-prodott huwa mibjugħ.
Kummerċjant professjonali travestit bħala konsumatur
Fejn il-kummerċjant bil-qerq isostni jew joħloq l-impressjoni li huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi għall-finijiet konnessi mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tiegħu, jew bil-qerq juri ruħu bħala konsumatur.
Reklamar qarrieqi: "Tmiem il-kera! L-istokk kollu jrid jitlaq!"
"Fejn il-kummerċjant isostni li dalwaqt ser jieqaf mill-kummerċ jew ibiddel il-post tal-kummerċ meta ma jkunx sejjer jagħmel dan."
Avviżi f’forma editorjali: "Messaġġi mħallta / biased"
Użu ta’ xhieda fir-reklamar fil-media biex ikun promoss prodott fejn il-kummerċjant ikun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar.
Servizz ta’ wara l-bejgħ f’lingwa differenti: eż. marketing bl-Ingliż, servizzi ta’ wara l-bejgħ bl-Iżvediż
Fejn il-kummerċjant jimpenja ruħu li jipprovdi servizz ta’ wara l-bejgħ, iżda jinforma lill-konsumatur biss wara li tkun twettqet it-tranżazzjoni li dan is-servizz se jkun b’lingwa li mhijiex il-lingwa li biha s’issa kienet qed issir il-komunikazzjoni.
Użu falz ta’ Offerti limitati: "Offerta speċjali, illum biss!"
Fejn il-kummerċjant jiddikjara b’mod falz li prodott ser ikun disponibbli biss għal żmien limitat ħafna, jew li ser ikun disponibbli biss taħt kondizzjonijiet partikolari għal żmien limitat ħafna sabiex jisforza deċiżjoni immedjata. Dan iċaħħad lill-konsumaturi mill-opportunità jew miż-żmien suffiċjenti sabiex jagħmlu għażla informata.
Rebħ ta’ Premju
Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni falza li konsumatur diġà rebaħ, ser jirbaħ, jew li hekk kif jagħmel xi azzjoni partikolari jirbaħ, xi premju jew xi benefiċċju ekwivalenti ieħor, meta fil-fatt ma jkun hemm ebda premju jew benefiċċju ekwivalenti ieħor. Anke fejn it-teħid ta’ xi azzjoni fir-rigward tal-ġbir tal-premju jew ta’ benefiċċju ekwivalenti ieħor teħtieġ lill-konsumatur li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż.
Solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa: "Bit-tielet telefonata forsi jsir kuntratt…"
Fejn il-kummerċjant jagħmel solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, tal-faks, bil-posta elettronika jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali.
Ħolqien bil-qerq ta’ l-impressjoni ta’ offerti b’xejn: "Nuċċalijiet tax-xemx b’xejn" jew "Ring tones b’xejn għall-Mobile tiegħek"
Fejn il-kummerċjant jiddeskrivi prodott bħala "gratis", "b’xejn", "mingħajr ħlas" jew simili jekk il-konsumatur għandu jħallas xi ħaġa oħra barra l-prezz li inevitabbilment kellu jħallas sabiex wieġeb għall-prattika kummerċjali u sabiex ġabar jew ħallas għall-kunsinna ta’ l-oġġett.
Dikjarazzjonijiet foloz dwar ir-rebħ: Kif tirbaħ il-lotterija
Fejn il-kummerċjant isostni li prodotti jistgħu jiffaċilitaw ir-rebħ f’logħob ta’ l-azzard.
Skemi piramidali
Tħajjir lill-konsumaturi biex jirreklutaw lil ħaddieħor b’wegħda ta’ kumpens.
Nasba: "Ditta ta’ fama tajba, jew forsi le?"
Fejn il-kummerċjant jippromwovi prodott simili għal xi prodott magħmul minn manifattur partikolari b’tali mod li deliberatament iqarraq bil-konsumatur li jemmen li l-prodott huwa magħmul minn dak l-istess manifattur meta ma jkunx.
Premjijiet: "Prosit! Irbaħt premju"
Fejn il-kummerċjant joffri parteċipazzjoni f’xi kompetizzjoni jew promozzjoni ta’ premju mingħajr ma jagħti l-premjijiet deskritti jew ekwivalenti raġjonevoli.
Informazzjoni falza dwar is-suq
Fejn il-kummerċjant jużaw tagħrif mhux preċiż dwar prodott jew dwar fejn jista’ jinsab biex jipperswadi lill-konsumatur jagħmel l-akkwist - meta fir-realtà l-konsumatur jista’ jsib dan il-prodott x’imkien ieħor bi prezz jew kundizzjonijiet aħjar.
Dikjarazzjonijiet foloz dwar il-kapaċità ta’ fejqan: "Trickium 24 inaqqas il-piż"
Fejn il-kummerċjant isostni, bil-qerq, li prodott jista’ jfejjaq mard, xi disfunzjoni jew malformazzjonijiet.
Listi tal-ordnijiet qarrieqa
Fejn il-kummerċjant jinkludi fil-materjal promozzjonali fattura jew rikjesta oħra ta’ ħlas li tagħti l-impressjoni lill-konsumatur li huwa kien diġà ordna l-prodott kummerċjalizzat meta ma kienx għamel dan.
Impressjonijiet qarrieqa tad-drittijiet tal-konsumaturi: "Speċjali għalik"
Il-preżentazzjoni ta’ drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE lil kull konsumatur bħala xi ħaġa ġdida jew differenti li qed joffri l- kummerċjant.
Marketing ibbażat fuq il-beżgħat tan-nies
L-użu bla raġuni tal-biża’ minn riskji ta’ sigurtà. "Fejn il-kummerċjant jagħmel affermazzjoni li hija essenzjalment mhix eżatta dwar in-natura u l-firxa tar-riskju għas-sigurtà personali tal-konsumatur jew tal-familja tiegħu jekk il-konsumatur ma jixtrix il-prodott."
Reklamar bi tħajjir
- Fejn il-konsumaturi jkunu mħajra b’reklamar attraenti marbut ma’ prezzijiet speċjali meta l-kummerċjant jaf li ma jistax joffri dawk il-prodotti, jew għandu biss ftit fl-istokk b’dak il-prezz.
Pretensjonijiet ta’ assigurazzjoni: ħadd ma jirrispondi t-telefon
Fejn il-kummerċjant jesiġi li konsumatur li jixtieq iressaq pretensjoni fuq polza ta’ assigurazzjoni jipproduċi dokumenti li ma jistgħux raġonevolment jiġu kkunsidrati rilevanti għall-validità tal-pretensjoni, jew jonqos sistematikament milli jwieġeb għal korrispondenza sabiex jiddisswadi xi konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet kontrattwali tiegħu.
Bejgħ b’mod aggressiv minn fuq l-għatba tad-dar: "Iva, nitlaq meta jitlesta x-xogħol tal-mili tal-karti kollu"
Fejn il-kummerċjant jagħmel żjarat personali fid-dar tal-konsumatur u jinjora t-talba tal-konsumatur sabiex jitlaq jew sabiex ma jirritornax ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obbligazzjoni kontrattwali.
Bejgħ bi pressjoni: "Iva, tista’ titlaq meta jitlesta x-xogħol amministrattiv kollu"
Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax iħalli l-post qabel ma jsir kuntratt.